gov.mt

PR61561

PR261561

26/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ F’dinja aktar inċerta u b’aktar kunflitti, Malta trid tibqa’ vuċi ta’ raġuni – Il-Ministru Chris Fearne

​​



F’dinja li qed tiffaċċja diversi kriżijiet fl-istess ħin, Malta trid tkompli tkun vuċi favur il-paċi, id-djalogu u r-rispett lejn il-liġi internazzjonali. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne matul sensiela ta’ laqgħat ta’ livell għoli fi New York fl-okkażjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-kriżijiet internazzjonali ma jibqgħux fejn jibdew. Il-kunflitti u l-instabbiltà jistgħu jaffettwaw il-kummerċ, l-enerġija, it-trasport u l-prezzijiet, u għalhekk ikollhom impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum. Kien f’dan il-kuntest li matul il-ġimgħa Malta kompliet tenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu indirizzati sfidi li ebda pajjiż ma jista’ jiffaċċja waħdu.

Is-sigurtà marittima kienet fost it-temi ewlenin diskussi. Waqt laqgħa ministerjali dwar dan is-suġġett, il-Ministru Fearne saħaq fuq l-importanza tal-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-liġi internazzjonali, kif ukoll fuq aktar kooperazzjoni biex jitħarsu l-libertà u s-sigurtà tan-navigazzjoni u l-infrastruttura kritika. Huwa tkellem ukoll dwar il-kontribut ta’ Malta permezz tal-Global Centre for Maritime Sanctions Monitoring fil-Belt Valletta.

“Dak li jiġri lil hinn minn xtutna ma jibqax hemm. Il-kunflitti u l-instabbiltà jolqtu l-kummerċ, l-enerġija, il-prezzijiet u fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja tal-familji tagħna. Għalhekk, għal Malta, id-djalogu, il-liġi internazzjonali u l-kooperazzjoni mhumiex biss prinċipji, iżda għodod konkreti biex nipproteġu l-paċi, is-sigurtà u l-interessi ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Fearne.

Il-paċi fil-Lvant Nofsani kienet ukoll fuq quddiem nett tad-diskussjonijiet. Il-Ministru Fearne ħa sehem fil-laqgħa ministerjali ta’ livell għoli tal-Global Alliance for the Implementation of the Two-State Solution, fejn Malta tenniet l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni negozjata ta’ żewġ stati u għal passi konkreti li joħolqu l-kundizzjonijiet għal paċi dejjiema bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani.

Id-diskussjonijiet fi New York ħarsu wkoll lejn l-opportunitajiet li ġġib magħha l-intelliġenza artifiċjali. Malta ngħaqdet mal-AI Opportunity Statement, inizjattiva mmexxija mill-Istati Uniti li tippromovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fl-intelliġenza artifiċjali, b’enfasi fuq l-innovazzjoni, l-investiment u ekosistemi tal-AI siguri u fdati, waqt attività li għaliha attenda wkoll Jacob Helberg, is-Sotto-Segretarju tal-Istat Amerikan għall-Affarijiet Ekonomiċi.

Il-ġimgħa wasslet ukoll għal passi konkreti fir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta. Ġew stabbiliti formalment relazzjonijiet diplomatiċi maż-Żimbabwe, filwaqt li ftehim mat-Tajlandja se jwassal għal konsultazzjonijiet politiċi regolari u aktar djalogu bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru Fearne kellu wkoll laqgħat mal-kontropartijiet tiegħu mill-Alġerija, il-Marokk, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Libja, l-Armenja u l-Eġittu, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ UN Women u tal-Lega tal-Istati Għarab. Id-diskussjonijiet koprew ir-relazzjonijiet bilaterali u żviluppi reġjonali u internazzjonali ta’ interess komuni.

Matul din il-ġimgħa fi New York, Malta kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi u sħab internazzjonali, filwaqt li wasslet il-pożizzjoni tagħha favur id-djalogu, ir-rispett lejn il-liġi internazzjonali u soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi komuni. F’kuntest internazzjonali dejjem aktar kumpless, Malta se tkompli taħdem biex tibni l-fiduċja, tqarreb perspettivi differenti u tikkontribwixxi għal aktar paċi u stabbiltà.